Sunday, November 28, 2010

Kotba interessanti u sbieh ghalikom it-tfal ...

Iktar Episodji ta’ Jake Cassar

L-awtriċi Clare Azzopardi, l-illustratur Mark Scicluna u d-direzzjoni tal-Merlin Library Ltd komplew bl-avventuri ta’ Jake Cassar billi ppubblikaw żewġ kotba oħra biex b’hekk f’din is-sensiela issa hemm erbgħa.

Kull ktieb fih erbgħa u sittin paġna u bla dubju huma pakkett divertenti. Jake Cassar jispiċċa għand ir-Re Pankrazju IV; ir-re tal-Uditi. B’xi mod dan it-tfajjel, li jħobb jaqra u jikteb, jispiċċa biex ikun l-eroj li jipproteġi r-renju ta’ Pankrazju. L-aħħar żewġ kotba fis-sensiela huma Ir-Reġina Fidelja u r-Renju Stordut u Il-Bastun tar-Reġina Fidelja. B’hekk issa s-sensiela qed tintroduċi lill-qarrejja ma’ iktar karattri u żżomm ritmu tajjeb.

Hu interessanti kif Azzopardi meta tikteb għat-tfal aktarx tuża l-umoriżmu u l-grottesk imma dik l-istrateġija tinbidel radikalment meta tikteb għall-kbar. Mark Scicluna, bħal f’episodji oħra, jżomm livell għoli fl-illustrazzjoni. Element li jispikka hu li l-kotba f’din is-sensiela aktarx jidhru strambi f’dik li hi preżentazzjoni għax tista’ tgħid li fihom u matulhom jinkisru r-regoli konvenzjonali kollha ta’ kif ikun ippreżentat ktieb; fażi li barra ilha li għaddiet u saret iktar minn regolari. Din il-preżentazzjoni tagħmel is-sensiela iktar fantażjuża fl-aħħar mill-aħħar u tixraq lit-tfal li qed jgħixu llum f’epoka fejn il-kreattività hi kontinwament mhedda.

Artiklu miktub minn Sergio Grech (mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb) u meħud mill-blogg tiegħu

http://ktieb.wordpress.com/


No comments:

Post a Comment

Note: Only a member of this blog may post a comment.