Friday, October 8, 2010
Birgufest 2010
Mil-lum, it-8 sal-Hadd 10 ta’ Ottubru 2010 għandkom l-opportunita biex iżżuru l-Birgu b'differenza. Dan il-lokal mill-isbaħ ħa jospita lill-Maltin u l-barranin għall-edizzjoni oħra ta’ ljieli maġiċi fid-dawl tax-xemgħa, għal ħsejjes ta’ strumenti mużikali diversi, għal ilħna tal-kant minn korijiet u għannejja, għal eżekuzzjoni ta’ daqq minn baned lokali u barranin u parti minn tattoo militari.
Dan, u aktar, matul tliet ijiem ta’ attivitajiet kulturali, se jagħmlu l-Festival annwali tal-Birgu attrazzjoni oħra unika u diversa minn snin oħra, u minn dak li qed ikun esegwit fi bliet u rħula oħra fil-Gżejjer Maltin. Għad-dell tas-swar storiċi filgħodu, għal illuminazzjonijiet bix-xemgħa li ssaħħar it-toroq imserrpa tal-Belt storika tal-Birgu filgħaxija, it-tradizzjonijiet li ħallew missierijietna se jkunu għal darb’oħra sponuti għal pubbliku flimkien mal-kulturi għanja estranji li se jinġiebu fostna fl-istess ġranet.
Hekk matul it-tliet ijiem se jkun hemm wirja ta' talenti, ta' promozzjoni kulturali u opportunita' biex il-poplu jkompli japprezza l-wirt storiku li din il-Belt, benniena tal-kultura Maltija, tħaddan.
Inħeġġiġkom tattendu!
Aktar informazzjoni fuq dan is-sit: http://birgu.gov.mt/
u minn dan il-vidjow ... http://www.youtube.com/watch?v=C44UGK9E2G8&feature=player_embedded
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment
Note: Only a member of this blog may post a comment.